4 October 2009
Bħala parti minn Festival Mediterranea li sejjer jittella' ġewwa Għawdex bejn it-23 ta' Ottubru u l-21 ta' Novembru, is-Soċjetà Filarmonika La Stella tal-belt Victoria Għawdex ser ittella' l-opra lirika ta' Giuseppe Verdi Rigoletto fit-Teatru Astra f'żewġ okkażjonijiet: nhar il-Ħamis 29 ta' Ottubru u s-Sibt 31 ta' Ottubru.
Joe Chetcuti għamel intervista għall-ġurnal 'Il-Mument' u tkellem mal-president tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, Dr Joseph Grech, fejn tah tagħrif dwar dan l-avveniment mistenni.
L-ewwelnett nixtieq nirringrazzjak talli ġentilment għoġbok tilqa' l-istedina tiegħi biex nagħmlu dina l-intervista. Rappreżentazzjonijiet simili bħal din, illum saru appuntament fiss fil-Kalendarju Kulturali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u tal-gżira Għawdxija. Tista' tispjegali kif eżattament beda dan il-moviment partikolari ta' rappreżentazzjonijiet fi ħdan is-Soċjetà? Is-Soċjetà Filarmonika La Stella sa mit-twaqqif tagħha fl-1863 dejjem tat kontribut qawwi kulturali b'risq il-gżira Għawdxija. Fit-teatru Astra, li fetaħ uffiċjalment f'Jannar tas-sena 1968, rajna produzzjonijiet kbar kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Lura fis-snin sebgħin rajna kantanti u artisti kbar jitilgħu fuq il-palk grandjuż ta' dan it-teatru fosthom Raffaella Carra, il-Goggi Sisters, Albano u Romina Power u anke kumpaniji kbar tal-ballet fosthom il-Montparnasse Ballet Troupe u l-Ballet Classique de Paris. Kien fl-1978 li dan it-teatru min-numru ta' operetti u produzzjonijiet oħra teatrali għadda għall-opra lirika, fejn f'dik is-sena ttellgħu żewġ opri li kienu l-opra Rigoletto u Il Barbiere di Siviglia. Minn dakinhar sal-lum fit-teatru tagħna rajna xejn inqas minn tlieta u erbgħin rappreżentazzjoni ta' ħamsa u għoxrin opra lirika differenti. Irrid insemmi li fejn tidħol l-opra lirika, f'dan it-teatru rajna lit-tenur Malti ta' fama mondjali Joseph Calleja jagħmel id-debutt tiegħu fl-opra Macbeth tal-1997. Lil Calleja mbagħad erġajna rajnieh fuq il-palk tagħna fl-opra La Boheme fl-2005 u mill-ġdid fl-opra Macbeth fl-2007.
X'kien illi għal din id-darba ntgħażlet l-opra Rigoletto ta' Giuseppe Verdi? L-opra Rigoletto kienet l-ewwel opra li ġiet imtellgħa fit-teatru tagħna fl-1978. Saret ripetizzjoni tagħha għoxrin sena wara, jiġifieri fl-1998. L-opra Rigoletto hija magħrufa għal melodiji kontinwi tagħha u hija ferm popolari mal-pubbliku Malti li jħobb dan il-ġeneru ta' mużika. Dehrilna li ħdax-il sena wara l-aħħar rappreżentazzjoni tal-istess opra kien wasal iż-żmien li nerġgħu intellgħu din l-opra ferm popolari. F'dan il-kuntest ma nistax ma nikkwotax lil Verdi stess li meta mistoqsi, qal, "Delle mie opere, come maestro, preferisco Rigoletto".
Hija ħaġa naturali, illi attività bħal din titlob ħafna xogħol preliminari, finanzi u organizzazzjoni f'oqsma differenti konnessi ma' spettaklu bħal dan. X'tista' tgħidli dwar dan? Iva, kif għidt tajjeb inti biex ittella' produzzjoni bħal din jirrekkjedi ħafna xogħol. Fejn jidħlu riżorsi umani nħossuna fortunati li fi ħdan is-Soċjetà tagħna għandna persuni bħall-Professur Joseph Vella, direttur mużikali tas-Soċjetà sa mill-1970, li f'dan ir-rigward huwa ferm professjonali. Barra minn hekk hemm kumitat b'saħħtu li jaħdem is-sena kollha fuq bażi volontarja. Iżda produzzjonijiet simili jirrekjedu ukoll sapport finanzjarju kbir. Fil-fatt diversi entitajiet jagħtu l-għajnuna tagħhom lis-Soċjetà tagħna; għajnuna li hija ferm neċessarja biex dak li ntellgħu jkun ta' livell għoli.
Induru għall-opra nnifisha. Nistgħu nkunu nafu aktar dwar l-atturi, is-solisti, l-orkestra u l-kor li ser jieħdu sehem? Iva, fil-ġimgħat li għaddew fuq il-websajt uffiċjali tagħna ħabbarna l-kast komplut għal din l-opra, fejn għal sena oħra qed niggarantixxu spettaklu uniku u mill-aqwa. Fil-partijiet prinċipali għandna lill-baritonu Peter Danailov li ser ikun qed jagħmel id-debutt tiegħu f'pajjiżna; lit-tenur Antonino Interisano u s-sopran Għawdxija Miriam Cauchi li wara s-suċċess grandjuż fl-opra Turandot tas-sena l-oħra, ser jerġgħu jieħdu sehem f'din il-produzzjoni. Maghhom hemm imbaghad il-baxx Franco de Grandis u l-mezzo-sopran Emilia Boteva li t-tnejn dehru drabi oħra fuq il-palk tal-Astra. Id-direzzjoni artistika hija f'idejn Mario Corradi, filwaqt li dik mużikali hija bla dubju f'idejn il-Prof. Joseph Vella. Din il-produzzjoni ser tittella' ukoll bil-parteċipazzjoni tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u l-kor tat-teatru mmexxi minn Dr Maria Frendo.
X'arranġamenti saru, trasport, biljetti etċ. għal dawn il-jumejn ta' rappreżentazzjonijiet? Kif ghedna fil-bidu ż-żewġ rappreżentazzjonijiet tal-opra Rigoletto ser isiru nhar il-Ħamis 29 ta' Ottubru u s-Sibt 31 ta' Ottubru. Jibdew it-tnejn fis-7.30 ta' filgħaxija. Bħala ħinijiet qed inżommu dixxiplina kbira fuqna nfusna biex ir-rappreżentazzjoni tal-opra ma titwalx iżżejjed u tispiċċa madwar il-ħdax ta' filgħaxija hekk li wieħed ikun jista' jilħaq il-vapur lura lejn Malta bil-kumdità. Dan qed isir ukoll billi d-direzzjoni qed tadotta xenarju li ma jridx ħafna ħin biex jitbiddel u hekk il-waqfa bejn att u ieħor jieħdu ħin raġonevoli. Il-biljetti jistgħu jiġu akkwistati billi wieħed iċempel fuq in-numru 2155 0985 jew inkella l-mobile 9988 3007 u l-email [email protected] . Il-biljetti jistgħu jiġu akkwistati wkoll mill-Gozo Office li jinsab South Street il-Belt Valletta (21 227 313) u mingħand D'Amato Music Stores ta' St John Street, il-Belt ukoll (21 234 348). Fl-aħħar nett minn din is-sena qed nintroduċu sistema ta' biegħ ta' biljetti online minn ww.mediterranea.com.mt. Irrid infakkar ukoll li teżisti skema ta' biljetti ridotti għall-istudenti li s-sena l-oħra rnexxiet ħafna.
Dina l-opra hija parti minn Festival Mediterranea. Tista tghidli iktar dwar dan il-festival? Din ser tkun it-tmien edizzjoni ta' dan il-festival kulturali, festival li sena wara sena qed ikompli jikber u jiġbed lejn gżiritna numru kbir ta' turisti u anke Maltin. F'dan il-festival, li jiftaħ fit-23 t'Ottubru, minbarra l-opra lirika li ser tittella' darbtejn għandna wkoll numru ta' attivitajiet agrikulturali, żjarat lejn it-tempji tal-Ġgantija, l-Ipoġew, it-tempji ta' Skorba fost l-oħrajn immexxija minn Dr David Trump, spettaklu ta' żfin mill-kumpanija lokali Centre Stage u numru sabiħ ta' kunċerti. Fost dawn il-kunċerti għandna l-kunċert annwali mtella' mill-banda ċittadina La Stella nhar is-Sibt 21 ta' Novembru, li ser jagħlaq bil-kbir dan il-festival. Inħeġġeġ lill-qarrejja biex iżuru l-websajt uffiċjali ta' dan il-festival (mediterranea.com.mt) biex jaraw il-programm sħiħ ta' attivitajiet.
Tinsab sodisfatt bil-preparamenti li saru u x'tixtieq li jkun l-eżitu ta' inizjattiva bħal din? Huwa ta' sodisfazzjon kbir għalija li t-teatru tagħna qiegħed jikkontribwixxi biex iżomm ħaj dan il-ġeneru tal-mużika fil-gżejjer Maltin. L-isforzi li jsiru mill-membri tagħna matul sena sħiħa jkunu ppremjati meta naraw it-teatru tagħna mimli daqs bajda fiż-żewġ rappreżentazzjonijiet. F'dawn il-mumenti tifhem li l-isforzi kontinwi tagħna jkunu qed jiġu aprezzati mill-pubbliku in-ġenerali. Barra minn hekk ir-riżultati eċċellenti li jirnexxielna nakkwistaw fil-kwalità tal-produzzjonijiet tagħna kemm mil-lat mużikali kif ukoll mil-lat ta' produzzjoni jimlewna b'kuraġġ biex inkomplu għaddejjin fuq ir-rotta li qbadna.
IL-MUMENT | Il-Ħadd 4 ta' Ottubru 2009