10 June 2009
Il-kumment ta’ Gabriele D’Annunzio fuq Verdi, “colui che pianse ed amò per tutti” (hu beka u ħabb għal kulħadd), jiġbor f’kelmtejn il-ġenju u t-talent tal-Maestro.Din il-frażi famuża ta’ D’Annunzio, li lanqas għalih l-imħabba u d-dmugħ ma kienu ġodda, tgħid kull ma jista’ jingħad u għandu fuq Rigoletto.Aktarx li fl-ebda opra oħra tiegħu Verdi ma kkonċentra daqshekk fuq l-essenza tal-ġenju tiegħu bħala interpretatur mill-aqwa tal-qagħda umana bil-qawwiet u d-dgħufijiet kollha tagħha.Rigoletto ttella’ fuq il-palk is-sentimenti kollha li wieħed jista’ jimmaġina: id-deformità fiżika u morali, il-qiegħ ta’ l-ikbar diqa u l-innoċenza ta’ l-imħabba safja; l-istess tmasħir tagħmlu virtù waqt li tgħolli s-setgħa ta’ min hu b’saħħtu, u dan kollu f’isem il-ġustizzja li jeħtieġ tagħmel vendetta.Ma nistagħġbux għalhekk li Verdi żamm l-aktar mużika glorjuża tiegħu għal-libretto ta’ Enrico Maria Piave ibbażat fuq Le Roi s’amuse ta’ Victor Hugo.Tabilħaqq, mhux biss nistgħu bla nkwiet ta’ xejn inqiegħdu l-figura mbeżżgħa ta’ Rigoletto maġenb il-protagonisti kbar tat-traġedji klassiċi ta’ kull żmien, imma l-opra kollha tgawdi post ta’ ġieħ mhux biss qalb ix-xogħlijiet prolifiċi ta’ Verdi imma wkoll fid-dinja ta’ l-opra Taljana.
It-Teatru Astra, li fil-qasam ta’ l-opra ismu jgawdi post ipprivileġġjat fost il-cognoscenti, għaddej b’ritmu mgħaġġel fit-tħejjijiet għall-produzzjoni ta’ dan il-kapulavur ta’ Verdi, il-Ħamis 29 u s-Sibt 31 ta’ Ottubru 2009, li dejjem tkun il-qofol tal-Festival Mediterranean 2009, li din is-sena dieħel fit-tmien edizzjoni tiegħu.Wara s-suċċess qawwi u l-produzzjoni impekkabbli tat-Turandot ta’ Puccini s-sena l-oħra, id-direzzjoni tat-teatru reġgħet fittxet is-servizzi ta’ l-aqwa artisti biex tiggarantixxi Rigoletto unika u spettakolari.Sa jkollna fostna għal darb’oħra lid-direttur artistiku l-Prof. Mario Corradi, imsejjaħ “il bravissimo regista toscano” mill-kritiku stabbilit Massimiliano Guelfi Pulvirenti, fil-kummentarju tiegħu fuq Turandot tas-sena l-oħra fit-Teatru Astra, li deher fuq il-ġurnal prestiġjuż Corriere del Teatro li joħroġ minn Milan.Il-Prof. Corradi hu magħruf għall-kapaċitajiet kbar tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ produzzjonijiet simili li jirrakkuntaw stejjer eċċitanti, fejn Corradi jaf sew kif ma jtellef xejn mit-togħma u l-istil ta’ l-istorja; u dan hu żgur garanzija għal opra oħra ta’ l-ogħla livell.
Wara s-suċċess kbir li kisbu fost il-pubbliku u l-kritiċi għall-interpretazzjonijiet mill-aqwa tagħhom ta’ Calaf u Liù fit-Turandot tas-sena l-oħra fit-Teatru Astra, it-tenur Antonino Interisano u s-sopran Għawdxija Myriam Cauchi ngħataw mill-ġdid ir-rwoli prinċipali tad-duka amorali, moħħu biss fil-pjaċir u l-glorja personali, u ta’ l-imsejkna u żventurata Gilda, imkissra bejn imħabba leċita u oħra illeċita, rispettivament.Imfisser minn Guelfi Pulvirenti bħala “un tenore dotato di un bel colore di voce e di adeguato squillo” (tenur imżejjen b’vuċi sabiħa u f’postha), Interisano żgur li sa jkun Duka li nibqgħu niftakru maġenb Myriam Cauchi, li bil-“voce dotata di rotondità e di morbidezza sublime” (vuċi mżejna b’kalma u ħlewwa mill-aqwa) tagħha, biex inkunu użajna kliem Pulvirenti, żgur li sa tissodisfa n-noti esiġenti ta’ Verdi.Il-baritonu Bulgaru Peter Danailov sa jagħmel id-debutt tiegħu f’Malta bħala l-“karattru ħażin” imma maħbub ta’ l-istorja: Rigoletto.Bil-vuċi qawwija tiegħu, imżejna bil-kwalitajiet profondi ta’ baxx, Peter Danailov ħalla impatt fuq id-dinja ta’ l-opra bħala l-baritonu tipiku tax-xogħlijiet ta’ Verdi.Ma jistax ikun li wieħed ma jħossx mal-buffu li jsib ruħu maqbud f’dinja ta’ intriċċi, ġlied u żlealtajiet, li qalbu tħoss mal-polz tal-quċċata imma wkoll tal-qiegħ tas-soċjetà li tinsab miexja lejn il-qerda li hi stess xtrat b’idejha: il-vittma innoċenti tal-biżgħat tiegħu stess.Tabilħaqq, it-traġedja ta’ buffu deformat issir b’xi mod il-ħjiel tat-traġedja ta’ soċjetà sħiħa li tisfa’ bla forma.Il-kitba tinsab fuq il-ħajt sa mill-ħoss tal-kordi kollhom pompa u qawwa li jinstemgħu fil-bidu: it-tmiem jintlemaħ riesaq sa mill-bidu.
Ir-rwoli co-primari ta’ Sparafucile u Giovanna ġew fdati fl-idejn tajba tal-basso profondo Franco de Grandis u l-mezzo-sopran Emilia Boteva rispettivament.L-ilħna b’saħħithom tagħhom għandhom gravitas li hi kollha kemm hi Verdjana, kif jidher fl-interpretazzjoni li taw fit-Teatra Astru fil-produzzjonijiet riċenti ta’ Aida (Amneris) u Macbeth (Banquo), fost l-oħrajn.Il-kor ta’ l-opra tat-Teatru Astra, li fiż-żmien ikkontribwixxa mhux ftit biex it-teatru jistabbilixxi l-isem eċċellenti u inkomparabbli li għandu f’dan il-qasam, sa jkun mill-ġdid immexxi minn Dr Maria Frendo.L-Orkestra Filarmonika Nazzjonali (leader: Marcelline Agius) tkun taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, id-direttur mużikali residenti tat-Teatru Astra.Il-Prof. Vella, li m’għandux bżonn ta’ introduzzjoni fil-qasam mużikali, hu arrikkiment ieħor li bih hu mogħni t-teatru, u l-awtorità tiegħu mhux biss hi indiskutibbli imma għal dawk li jfittxu l-opra hi garanzija żgura ta’ produzzjoni oħra b’saħħitha.Il-kostumi, il-bini tas-sett u l-effetti tad-dawl, iddisinjati kollha għal din il-produzzjoni ġdida mill-Prof. Corradi nnifsu, qed jithejjew fil-post mit-tîm tekniku tat-Teatru Astra. Dorothy Baldacchino hi l-assistent fil-produzzjoni.
Wieħed diġà jista’ jixtri l-biljetti tiegħu permezz tan-numri tat-telefon tat-Teatru Astra, 21 550 985 u 99 883 007, jew permezz ta’ l-email [email protected] .